Radio 101 editorial: Il-Gvern b’attakk korrott fuq il-libertà tal-espressjoni
This is John Zammit’s editorial on Radio 101.
Il-korruzzjoni kbira u bla preċedent li għandna fil-Gvern ta’ Joseph Muscat bħalissa hi gravi ħafna. Għandna Prim Ministru li, wara tliet ġimgħat eżatt tal-iskandlu tal-Ażerbajġan, tal-Panama u ta’ New Zealand, għadu m’għamel xejn ħlief gideb u reċti.
Joseph Muscat m’għamel xejn fi tliet ġimgħat u f’ħamest ijiem
Joseph Muscat lanqas m’għamel xejn fil-ħamest ijiem mindu faqqa’ l-iskandlu l-ieħor kbir u separat tal-id il-leminija tiegħu f’Kastilja, Keith Schembri: l-allegazzjonijiet li għadu ma sar l-ebda libell kontrihom ta’ tixħim lil min kien qed imexxi l-kumpanija tat-Times u li kien għaddej minn kumpaniji sigrieti fil-British Virgin Islands.
Theddida għal-libertà tal-istampa mnawra minn ġewwa
Dan it-tieni skandlu tal-British Virgin Islands jhedded il-libertà tal-espressjoni u l-istampa ħielsa: il-korruzzjoni tnawwar minn ġewwa u toqtol dawn l-istituzzjonijiet bażiċi f’demokrazija ħielsa. It-Times taw eżempju kbir li jħammar wiċċ Joseph Muscat bis-sospensjoni mill-ewwel ta’ min kien allegat li kien qed jixxaħħam u l-investigazzjoni sħiħa u indipendenti li bdew.
Attakki insidjużi tal-Gvern fuq il-kelma u l-istampa ħielsa
Dan ta’ Joseph Muscat hu Gvern li ilu għaddej b’attakki fuq il-libertà tal-espressjoni u tal-istampa ħielsa. Issa mhux bil-ħruq u t-tkissir jew bil-gass tad-dmugħ u l-isparar tal-Pulizija imma b’manuvri korrotti li huma aktar sottili imma wkoll aktar insidjużi.
Gvern li jagħmel il-gideb
Dan hu Gvern li jipprova jikkorrompi l-media b’leaks giddibin biex jiżvija l-attenzjoni minn fuq il-korruzzjoni li ħakmet lil Kastilja. Konrad Mizzi gideb f’wiċċ il-Malta Today li ma qalilhomx bil-kumpanija sigrieta tal-Panama. Kellna l-leak lit-Torċa fuq Simon Busuttil innifsu li tirriżulta gidba assoluta li Simon Busuttil ressaq libelli dwarha. Kellna wkoll il-leak lill-MaltaToday ta’ dik li issa jirriżulta li hi gidba 100% dwar Ann Fenech li wkoll għamlet tliet libelli. Tillikja jfisser tagħmel l-ilma; il-Gvern ta’ Muscat jagħmel il-gideb f’attakk korrott u insidjuż fuq l-istampa ħielsa.
Il-fatti ma jinbidlux skont min jikxifhom; is-sors jibqa’ protett
Għandna wkoll l-attakk ta’ Joseph Muscat fuq l-espressjoni libera u l-ġurnaliżmu ħieles bl-argument li l-korruzzjoni ma tkunx korruzzjoni jekk jikxifha xi ħadd ma jaqbilx mal-Gvern, bħall-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan hu argument korrott ta’ loġika falza li r-Rumani kellhom isem preċiż għalih: l-‘argumentum ad hominem’. Il-fatti jibqgħu l-istess, jikxifhom min jikxifhom. U dan l-attakk korrott qed ikompli b’Konrad Mizzi jitlob lill-ġurnalista tikxef is-sors f’kawża ta’ libell fuq allegazzjoni ta’ bewsa. Fil-ġurnaliżmu ħieles, is-sors hu protett daqs is-sigriet tal-qrar.
Oppożizzjoni pożittiva fuq il-korruzzjoni?
Attakk ieħor ta’ Joseph Muscat fuq il-libertà tal-espressjoni u l-istampa ħielsa hu l-argument tiegħu li l-Oppożizzjoni u l-istampa għandhom joqogħdu jfaħħru lill-Gvern. Muscat jippretendi li l-Oppożizzjoni u l-istampa jkunu ‘pożittivi’ fuq il-korruzzjoni kbira li ħakmet lil Kastilja. L-oppożizzjonijiet u l-ġurnalisti liberi fid-dinja ħielsa kollha xogħolhom mhux li jkunu propogandisti tal-poter, anzi xogħolhom hu speċifikament li jikxfu l-abbużi u l-korruzzjoni ta’ min ikollu l-poter li jaħbihom.
Id-difett tal-passat ma jiskużax is-sagrileġġ tal-lum
Joseph Muscat juża wkoll loġika falza oħra biex jikkorrompi d-dibattitu pubbliku: isemmi d-difett tal-passat biex jiskuża s-sagrileġġ li qed jagħmel hu. Anke din il-falsità loġika r-Rumani kellhom isem għaliha: tu quoque. Hi falsità loġika għax qatt ma kien hawn bniedem perfett u allura dejjem se ssib difetti fil-passat. Id-difett tal-passat lanqas biss għandek tirrepetih, aħseb u ara tużah bħala skuża biex tagħmel agħar, biex tagħmel sagrileġġ. Joseph Muscat imma juża korruzzjoni tal-loġika.
L-aħbarijiet tax-xandir pubbliku prodotti bl-emails minn Kastilja
U naturalment għandna l-attakk ta’ Muscat fuq ix-xandir pubbliku li llum nafu bil-provi li l-kap tal-aħbarijiet tiegħu jieħu l-ordnijiet dirett minn Kastilja tant li meta faqqgħu dawn l-aħħar skandli kbar tal-id il-leminija u tal-id ix-xellugija ta’ Muscat, għall-aħbarijiet fix-xandir pubbliku qisu ma ġara xejn.
Dawn huma l-attakki korrotti fuq il-libertà tal-istampa u fuq id-dibattitu ħieles minn Gvern li definittivament qatt ma kien hawn wieħed korrott daqsu fl-ewwel tliet snin.