Il-ħoss ta’ Malta jispikka fi Brussell – by H. P. Baxxter
Iż-żaqżieqa tal-bieb instemgħet mal-entrance foyer kollu. Kellu bżonn żewġ taqtiriet żejt, imma ħadd ma ħa ħsieb jgħid lil Ahmet, il-handyman Tork impjegat f’Dar Malta.
U fil-verità, ftit kienu jagħtu kas dal-ġuvni kwiet, bil-ġilda smajra u għajnejn kannella daħkanin, ħlief forsi fl-uffiċju tax-sherpa.
Il-bieb instabat b’ħoss jidwi, u instema’ ħoss ieħor. Kienu l-passi mal-kuridur, li mill-pitch għoli tagħhom jidher li kienu high heels tipo Steam. Ġurnata oħra tipika ghan-nisa impjegati f’Dar Malta fi Brussel, jew kif iħobbu jgħidu l-MEPs, “il-ħidma ma tieqaf qatt.”
Il-passi ġew muffled malli messew il-plush fitted carpet mal-art, dak tas-slaleb ċkejknin ta’ Malta. Pum pum pum kien il-ħoss, imma issa ma kienx bħal tapping tat-telegrafu tal-Foreign Office, iżda bħall-ħoss li jagħmel ministru randy meta jisfoga ma’ teddy bear.
Jekk nixħtu ħarsitna u widnejna lejn in-naħa l-oħra tal-kuridur, nistgħu nisimgħu ħoss ieħor. Huwa l-flushing hekk kif il-first secretary lesta l-faċenda tiegħu ta’ filgħodu. U wara, il-ħoss ħlejju ta’ riħ sħun ħiereg mill-executive hand dryer. Hu u ħiereġ, jinstema’ ħoss ta’ daħq luridu. Qed jirrakkontaw lil xulxin l-aħħar stejjer mill-Ġermanja.
X’jistgħu ikunu? Kieku kien Brussell fl-1914, konna ngħidu li mill-Ġermanja kien gej il-ħoss tar-ragħad tal-gwerra. Iżda dak huwa l-2017, fejn il-ħoss li jinstema’ x’aktarx huwa krib ta’ pjaċir fenomenali u triplu.
PING! Kien il-ħoss tal-microwave fil-kċina ċkejkna fejn l-impjegati ta’ Dar Malta jieklu l-lunch miżeru taghħom. Ping, u clang, hekk kif il-furketta tas-second secretary waqgħet mal-art. Il-ħoss ta’ wara mhux ta’ min nirrapurtaw fuqu, peress li huwa ċensurabbli.
It-Tupperware jagħmel ħoss stramb meta tiftħu, qisu stonku bil-guħ. Imma dlonk huwa segwit hawnhekk mill-ħoss ta’ tmeċlieq. Għaxar minuti ħsejjes, u fl-aħħar il-ħoss ta’ tifwieqa sodisfatta, imċanfra però mis-segretarja tal-Perm Rep, bil-ħoss ta’ “Ssssshhh!”.
Jinstema’ kemm kemm il-ħoss ta’ xi ħadd jittajpja fuq laptop. Jekk inkomplu t-tour tagħna u nbexxqu l-bieb tal-uffiċju x-sherpa, mingħajr ma nagħmlu ħoss, u nidħlu nkiss inkiss, u nduru warajħ ħa naraw x’hemm fuq l-iscreen tal-laptop, kapaci joħroġ ħoss ta’ twerżieqa qisha lokomotiva antika fl-istazzjon ta’ Brussel-Sawt.
X’inhu dan mela? X’qed jara x-sherpa b’daqshekk attenzjoni fuq il-laptop? Diplomatic cable dwar invażjoni imminenti? Dokument top secret dwar attentat terroristiku massiv fi Brussel? Ritratti sensittivi ta’ migrant camps fuq il-kosta tal-Libja? Jew forsi xi ħaġa oħra?