It’s been a long time coming
21 ta’ Gunju 2009/ILLUM
Bejn linja u oħra
Julia Farrugia tintervista lill-membru parlamentari Nazzjonalista Franco Debono
L-uniku intervista li bla tlaqliq nista’ ngħid li ż-żewġ partijiet ‘waħħluh’ lil xulxin. Mhux fis-sens vulgari tal-kelma, lanqas bil-kontenut tat-tweġibiet iżda għall-mod kif żvolġiet l-intervista.
Skont Franco Debono l-ikla favorita tiegħu hi l-ħut u ma jbiddilha ma’ xejn. Imma naħseb wara din tal-llum jerġa’ jaħsibha jekk qattx jerġa’ jissuġġerixxi li l-intervista ssir waqt li qed jipprova jmaxtar l-benna tal-prodotti tal-baħar imsajra minn koki primi Sqallin.
B’idejh ma’ ħalqu jagħmilli sinjal li qed jipprova jibla’ u li dalwaqt se jwieġeb.
(…)
“Trid tqis li appena sena u tliet xhur ilu l-poplu ta mandat lil Lawrence Gonzi. Naħseb waħda mill-aktar deċiżjonijiet fl-interess nazzjonali kienet li l-Prim Ministru ċekken il-Kabinett. Il-fatt li ċċekken il-Kabinett hu magħruf bħala fattur pożittiv għax aktar ma jkollok Kabinett żgħir aktar faċli tasal għad-deċiżjonijiet. Dan fisser però anqas nies fil-Kabinett u anqas Customer Care fil-Ministeri. Dawn kollha affarijiet li wieħed irid jieħu inkonsiderazzjoni,” jgħid Debono.
“Jien naħseb li iva jista’ jkun li kellha effett. Kien żvilupp fl-interess Nazzjonali imma.”
Il-membru parlamentari Nazzjonalista jinsisti fuq dak li hu ovvju: “il-backbench żdied.”
“Pożittiva jew negattiva?” nistaqsieh għal darba tnejn tlieta.
Fl-aħħar jobżoqha: “Jien id-disgruntlement narah hekk: hemm backbench ibaqbaq bl-enerġija. Hekk niddeskrivieh.Hemm ħafna nies li jixtiequ jagħtu kontribut. Jien ninkwieta kieku għandek backbench mimli apatija. Il-fatt li għandek backbench mimli enerġija hi xi ħaġa pożittiva. Qed nitkellem għalija imma għal sħabi wkoll. Hemm ħafna enerġija. Jien naħseb li hemm bżonn inkunu nvoluti aktar.”
U jaħseb li l-backbench qed ikun konsultat mill-Prim Ministru u fuq livell ta’ Partit?
“Naħseb mexjin. Hemm lok fejn inkunu konsultati aktar imma mixjin.”
Nitolbu jiċċara fejn mhux qed ikunu kkonsultati.
“Ħa nġiblek eżempju. Il-Partit Laburista għandu sistema fejn kulħadd jagħmel shadowing ta’ qasam partikolari.Naħseb li jkun għaqli u diġà ġie ċċirkulat dan is-suġġeriment, li kull wieħed minna jkollu qasam li jispeċjalizza fuqu. Pereżempju jien il-qasam tal-Ġustizzja u l-Intern. Hu l-qasam naturali tiegħi għax dawn l-aħħar 10 snin jien qattajthom il-Qorti.”
Debono jargumenta li l-Parlament għandu jkollu televiżjoni biex id-dibattiti jkunu mxandra.
“Jekk il-parti għandhom l-istazzjonijiet tagħhom, jekk il-Parlament hu l-ogħla organu rappreżentattiv ta’ diskussjoni, kulma ndabbar żewġ paragrafi fil-gazzetti. Il-poplu Malti hu rappreżentat hemmhekk.”
Mitlub jgħid x’kienet ir-reazzjoni għas-suġġeriment tiegħu, Debono jgħid li kienet “pożittiva”.
Mistoqsi jekk Lawrence Gonzi jaqbilx ma’ din il-proposta, jgħid “ma tkellimtx miegħu direttament dwar dan però rrid infaħħar lill-Prim Ministru.”
Minn hawn ’l quddiem eloġju għal Lawrence Gonzi.
“U jien irrid infaħħar lill-Prim Ministru fuq ħafna fronti. Dan il-pajjiż għandu x-xorti li għandu lil Lawrence Gonzi bħala Prim Ministru. Għax f’dawn iż-żminijiet diffiċli …”
Ifaħħar lill-Prim Ministru talli fiż-żmien meta kien Speaker għamel ir-radju tal-Parlament.
“Kienet bidla tajba ħafna. Naħseb il-poplu m’għandux jiġġudikani fuq kemm-il darba mort nitkellem il-każin,” jgħid Debono.
“Nemmen li rridu nħallu l-polarizzazzjoni politika u nersqu lejn kunċett ogħla tal-istat Malti. Nemmen li d-dibattiti tagħna għandhom ikunu mxandra fuq it-televiżjoni biex imbagħad il-poplu jiġġudikana fuqhom.Tgħid ‘dan il-bniedem mhux qed ikun il-vuċi tajba tiegħi.’”
(…)
F’daqqa waħda jaqleb it-ton u nintebaħ bil-frustrazzjoni li ġġib magħha intervista quddiem numru ta’ platti jiċċassaw pulit lejna: “Julia, jekk ma ssibx diffikultà forsi nieklu.”
(…)
“Ir-riforma fit-trasport pubbliku naħseb li rridu nittrattawha b’aktar serjetà. Kulħadd jaqbel li hemm bżonn riforma fit-trasport pubbliku, hux hekk? U ta’ min ifaħħar li għandna l-kuraġġ li nagħmlu din ir-riforma. Imma wieħed irid ikun ftit aktar sensittiv u jisma’ aktar.”
(…)
Iwaqqafni għal ftit u jgħidli li l-platt li ġej wieħed mill-favoriti. “Il-ħut niġġennen għalih. U jien qed noqgħod Marsaxlokk issa. Anke mmur nistad. Veru rilassanti. U nħobb ħafna l-għasafar. Ħajjin imma!”
(…)
Kieku hu x’kien jagħmel? B’kemm kien iraħħashom il-kontijiet?
“Jien eżatt x’kont nagħmel ma nafx. Trid issib l-affarijiet quddiemek biex tgħid. Jien m’għandix l-informazzjoni kollha biex nagħmel il-kalkoli però naħseb li hu ċert, u anke smajtha minn nies oħrajn, li l-affarijiet setgħu saru b’mod differenti. Kellna nagħmlu l-affarijiet b’mod differenti fl-opinjoni tiegħi.”
(…)
F’ħin minnhom titla’ fil-wiċċ bħal rabja. U għall-ewwel darba waqt l-intervista jitfa’ botti diretti lejn nies fil-Partit Nazzjonalista li bħal donnhom baqgħu staġnati fis-Snin Tmenin. U agħar minn hekk, li bħal donnhom qed ikunu dawn in-nies li jingħataw spazju meta oħrajn bħalu għandhom ħafna x’joffru.
“Bir-rispett kollu, il-ġenerazzjoni tagħna llum il-ġurnata għandna nkunu f’pożizzjoni li nagħtu kontribut. Ma jfissirx li għax int ma kontx hemm fl-1987 trid tagħlaq ħalqek u ma tistax tiftaħ ħalqek. Bir-rispett kollu,” jgħid immasħan.
“Jaqbad il-kmiem tal-qmis u jibda jxammarhom waqt li sinkronizzat ma’ kliemu jgħid: “Trid ixxammar il-kmiem u jekk jista’ jkun nagħtiha lil ta’ warajja fi stat aħjar milli għaddhieli missieri. Dak għandu jkun l-atteġġjament. Ma jistax ikun li nibqgħu ntambru fuq issues ta’ 22 sena ilu.”
(…)
Dwar il-mexxej Laburista Joseph Muscat, u jekk hux għadma aktar iebsa għal Lawrence Gonzi, idur dawra durella u jevita għal darba tnejn kull kumment fuq Muscat għajr biex jgħid li San Alwiġi meta kienu żgħar kienu fl-istess klassi u għal xi żmien fuq l-istess bank.
“U issa qed inpoġġu fil-Parlament faċċata ta’ xulxin,” jgħid bid-daħka.
(…)
Lejn l-aħħar tal-intervista jgħaddi kumment li għoġobni. Isemmi l-media. Fir-realtà mhux kull persuna fil-politika taraha ħelwa. Tgħid il-kumment ta’ Debono għad irid jerġa’ jitla’ fil-wiċċ tul il-karriera politika tiegħu stess?
“Tajjeb li nissottometti ruħi għall-iskrutinju tal-media. Il-media hi l-watchdog tas-soċjetà…Jekk 15, 20 sena ilu kienu jiġru affarijiet li kienu jibqgħu għaddejjin bla ma ħadd jarahom illum il-ġurnata differenti u qed narawha anke f’dak li qed jiġri fl-Ingilterra, dan hu tajjeb. L-accountability u t-trasparenza huma importanti.”
2 Comments Comment
Leave a Comment
“Nemmen li rridu nħallu l-polarizzazzjoni politika u nersqu lejn kunċett ogħla tal-istat Malti.’
As if Labour will ever do that, all they want is to put themselves at the centre of our lives.
Joseph tried, with his call for consensus, look what he’s been reduced to, sending emails to journalists to get some external backing.
If anything he should ask why Labour remained silent regarding his proposals.
Shouldn’t that be “Bejn linfa u ohra”?