This morning, I received this email
Sinjura Caruana Galizia
Jiena m’inhiex ta’ l-istess fehma politika tieghek u rari naqbel ma dak li tikteb. Izda z-zejjed kollu zejjed u il-gvern immexxi minn Joseph Muscat issa qabez kull limitu ta’ decenza. Jiena ktibt lil President u tlabta tiehu azzjoni izda perez li ktibt b’mod anonimu (verament m’ghandiex triq ohra) niddubita kemm l-ittra tieghi ser tasal ghanda. Ghalhekk hassejt li ghandi nibghatha wkoll lilek biex forsi tikkonsidra tippubluikaha. Jien naf li inti dejjem ipprotegejt is-sorsi tieghek, ghalhekk gejt ghandek. Ghamel dak li thoss li huwa xieraq, xejn aktar.
———
Eċċellenza,
Qed niktiblek bħala ċittadin Malti u bħala bniedem ta’ fehmiet politiċi xellugin. Ma nistax nirrivela l-identita’ tiegħi għaliex nokkupa kariga pubblika li ma tippermettilix nagħmel dan.
Jiena qatt ma ltqajt miegħek iżda smajt ħafna dwar kemm inti dejjem ħdimt minn qalbek biex tgħin il-batut. Meta ġejt maħtura bħala president, jiena, bħal ħafna oħrjan ħassejt li ser tkun moħlija f’din il-kariga għax emmint li stajt tagħmel ħafna aktar ġid bħala Ministru tal-Familija u Solidarjeta’ Soċjali. Issa naħseb li wasal il-mument fejn inti tista’ tniżżel ismek fl-istorja ta’ pajjiżna, u qed niktiblek biex nitolbok tagħmel dan.
Il-Partit Laburista u l-Gvern waqgħa f-idejn nies li jien ma nemminx huma vera ta’ fehma Socjalista Demokratika. Dan huwa gvern tas-sinjuri, tal-kuntratturi, tan-nies tan-negozju u ta’ dawk li jridu jakkwistaw kemm jifilħu minn fuq dar il-poplu. Ir-rivelazzjonijiet ta’ dawn l-aħħar ġranet u l-posizzjoni li ħa l-Prim Ministru huma xieha ta’ dan, u huma wkoll prova ta’ kemm waqajna fil-baxx.
Issa huwa ż-żmien li bħala President bid-dmir li tipproteġi l-kostituzzjoni, u bħala bniedma li żgur trid tmexxijja favur il-ħaddiem, inti issemma leħħnek u tikkundanna dan l-aġir inaċċettabli. Hemm bżonn li dawn in-nies jiġu mwarrba immedjatament. Jiena nixtieq nemmen li hemm nies oħra bħalek fi ħdan il-Partit Laburista, li darba konna nsejjħulu l-partit tal-ħaddiema, li lesti jagħmlu dak li hemm bżonn biex jieħdu l-partit u l-gvern f’idejhom. Jekk mhux ser isir hekk, wisq nibża li f-elezzjoni oħra il-Partit Laburista ser jerġa jintbgħat fl-opposizzjoni għall-bosta snin oħra.
Fis-snin tmenin inti għażilt li ma titkellimx kontra l-abbużi, l-korruzzjoni u l-vjolenza ta’ ftit nies fil-partit. Nemmen li inti għamilt hekk għax ħassejt li l-gvern kien qed jagħmel ħafna ġid biex itejjeb il-kundizzjoni taż-żgħir, u li dawn l-abbużi ma kienux tali li kellhom ifixklu l-ħidma tal-gvern l-istorja uriet li dak seta kien żball. Issa huwa ċ-ċans li ma tagħmilx l-istess żball, u li tuża l-posizzjoni influwenti tiegħek biex tagħmel differenza. Pajjiżek qed isejjaħlek biex tagħmel dak li taf li huwa sewwa.
Kif jingħad bl-ingliż – The only thing necessary for the triumph of evil is that good men do nothing. Nispera li inti ma tagħżilx li ma tagħmel xejn.
Nirringrazzjak tali smajtni.
Malti u soċjalist ta’ veru.